Ngħinu ‘l Uliedna Jikkontrollaw l-Piż‏

10/11/2009 10:21

Il-ġenituri għandhom rwol ewlieni biex jgħinu ‘l uliedhom jikkontrollaw il-piż billi jderruhom jieklu ikel bnin u nutrittiv, u jenkoraġġuhom ikunu aktar attivi.

L-obeżità saret problema kbira f’pajjiżna; it-tfal Maltin huma fost l-eħxen fid-dinja. L-obeżità fit-tfal u l-adoloxxenti hi kundizzjoni medika li għandha tittieħed bis-serjetà minħabba l-konsegwenzi fuq is-saħħa u l-ħajja tagħhom.

Is-soluzzjoni mhix faċli imma mhix impossibbli. Din il-problema tista’ tintrebaħ billi ndaħħlu bidliet żgħar imma permanenti fid-dieta u d-drawwiet tal-ikel, u billi nżidu l-attività fiżika. Jeħtieġ li naddottaw stil ta’ ħajja aktar sana.

Il-Kawża tal-Piż Żejjed

Il-ħxuna tirriżulta minn konsum ta’ kaloriji aktar milli hu meħtieġ, jiġifieri minħabba ikel żejjed u nuqqas ta’ attività fiżika. Dan jgħodd għall-aktar minn 99% tat-tfal bi problema ta’ ħxuna. Il-ġisem tat-tfal għandu bżonn l-enerġija biex jiffunzjona, jikber u jibqa’ sħun. Jekk jieħdu aktar kaloriji milli għandhom bżonn, l-ikel żejjed jinbidel f’xaħam u jinħażen fil-ġisem u b’hekk jiżdied il-piż.

Hemm diversi fatturi li jwasslu għall-obeżità.

1. Għażla Ħażina ta’ Ikel

Konsum żejjed ta’ (a) ikel xaħmi bħal fast foods, qali, butir, ċikkulata, crisps, ġelati u pastizzi; (b) ‘refined grains’ bħall-ħobż abjad u dqiq abjad; (ċ) ikel ħelu bħal pasti u kejkijiet, u soft drinks (flixkun luminata fih 10 kuċċarini żokkor); (d) u konsum baxx ta’ ħaxix, frott u ċereali integrali.

2. Ikel Żejjed

L-ikel żejjed jiġi minn porzjonijiet kbar u drawwiet ħżiena tal-ikel, ngħidu aħna meta t-tfal jaqbżu l-kolazzjon u ma jqassmux l-ikel matul il-jum.

3. Attività Fiżika

Ħafna tfal Maltin iqattgħu l-ġurnata bilqiegħda fuq il-bank tal-iskola jew jagħmlu l-homework, jew quddiem it-TV, kompjuter u video games, u ftit li xejn ħin jiġru, jaqbżu u jilagħbu.

4. Il-Ġenituri

It-tfal li għandhom il-ġenituri ħoxnin għandhom tendenza li jkunu bħalhom. Dan ma jiġrix biss minhabba l-ġenetika, imma aktar importanti minħabba l-ambjent li jgħixu fih u d-drawwiet tal-familja.

5. Fatturi Psikoloġiċi

Xi tfal jieklu żżejjed minħabba stress jew għax m’għandhomx xejn interessanti x’jagħmlu.

6. Problemi Mediċi

Huwa rari ħafna li jkun hemm kawża medika għall-obiżita: (a) ġenetika, bħal Prader-Willi Syndrome; (b) ormonali, bħal Cushing’s Syndrome jew it-thyroid; jew (ċ) minħabba xi mediċinali, bħall-isteroids.

Kif Tkejjel il-Piż

L-aktar mod sempliċi biex tara jekk it-tifel għandux piż żejjed hu li tiżnu u tkejjel it-tul, u timmarkom fuq growth chart. Il-piż ikun eċċessiv jekk ikun ogħla mill-linja ta’ fuq jew jekk hemm diskrepanza sinifikanti bejn il-piż u t-tul.

Il-Body Mass Index (BMI) hu mod aktar xjentifiku biex tkejjel il-ħxuna. Il-BMI hu kkalkolat skont din il-formola: BMI = Weight ÷ Height ÷ Height. Jekk tifel jizen 38 kilo u twil 1.2 m: il-BMI huwa 38 ÷ 1.2 ÷ 1.2 = 26.4.

Immarka il-BMI fuq chart apposta (BMI-for-age). Jekk il-BMI ikun ogħla mil-linja mmarkata 95th Centile, it-tifel ikun ‘obese’; jekk ikun bejn il-linja 85% u 95%, it-tifel ikun ‘overweight’. (Fl-adulti BMI 20-25 normali; 25-30 overweight; >30 obese).

Il-Konsegwenzi

Fi tfulithom, it-tfal ħoxnin jistgħu ibatu minn problemi emozzjonali bħal dwejjaq, dipressjoni, self-esteem baxx u mġiba ħażina. Jistgħu ukoll ibatu minn problemi soċjali bħal bullying, jitwarrbu minn sħabhom, u joqogħdu lura mill-isports u attivitajiet oħra. L-obeżità tista’ twassal għall-iżvilupp u l-pubertà kmieni.

80% tat-tfal bejn l-10 u 13-il sena li għandhom piż żejjed jibqgħu ħoxnin meta jikbru. L-adulti ħoxnin jistgħu jiżviluppaw problemi mediċi serji bħad-dijabete, pressjoni għolja, kolesterol, problemi fin-nifs u fl-irqad, u aktar ‘il quddiem, l-artrite, il-kanċer, mard tal-qalb u puplesija.

L-Oġġettiv

Fi tfal taħt is-seba’ snin l-iskop mhux li jitnaqqas il-piż, imma li l-piż ma jkomplix jiżdied b’rata għolja. Ftakar li t-tfal qiegħdin jikbru u jitwalu. Għalhekk jekk il-piż ma jżidx jew iżid bil-mod, maż-żmien il-piż isir tajjeb meta jitqabbel mat-tul. Għal tfal akbar minn seba’ snin, iddiskuti mat-tabib jekk għandikx timmira għal tnaqqis fil-piż bil-mod.

Fil-kura tal-obeżità fit-tfal m’hemmx post għall-mediċini jew kirurġija. Lanqas hemm lok għal dieti stretti għax dawn jistgħu jaffettwaw ħażin fl-iżvilupp tat-tfal.

L-oġġettiv fit-tul għandu jkun li l-familja titgħallem tagħżel ikel bnin u nutrittiv, trawwem drawwiet tajba tal-ikel u li tkun fiżikament attiva. Il-ġenituri flimkien mat-tfal għandhom jimmiraw li jagħmlu bidliet żgħar bil-mod il-mod fl-ikel u l-attività tal-familja fuq perjodu ta’ xhur u snin. Ma tistax tibdel l-istil tal-ħajja mil-lum għall-għada. Is-suċċess jiddependi fuq kemm il-ġenituri jimpennjaw ruħhom biex jgħinu lil uliedhom. (Jekk trid informazzjoni dwar l-aħjar għażliet tal-ikel ibghat għall-kitba: ‘Familja b’Saħħitha’)

Kuraġġ

Jekk il-ġenituri jirrikonoxxu l-problema tal-ħxuna fit-tfal tagħhom u jkunu jixtiequ jieħdu passi, diġà hemm proġress. It-triq hi twila, imma pass pass tasal jekk timxi fid-direzzjoni ġusta.

M’hemmx għalfejn tiżen it-tifel jew it-tifla ta’ spiss għax ma tridhomx jiffissaw fuq il-piż tagħħhom. Il-bidliet għandhom isiru bil-mod il-mod sakemm isiru parti naturali mill-ħajja tagħhom. Il-benefiċċji ta’ drawwiet tajbin fl-ikel u l-attività fiżika jinħasdu mal-medda tas-snin.

Meta tiżen it-tifel jew it-tifla, faħħarhom għal kull proġress, avolja żgħir, jiġifieri jekk il-piż ma baqax jiżdied jew żdied bi ftit. Agħmlihom kuraġġ jekk ma tantx ikunu marru tajjeb.

Kun dejjem qrib u ħabib ma’ wliedek biex iħossuhom komdi jitkellmu u jiddiskutu miegħek il-problemi u l-emozzjonijiet tagħhom, inkluż il-ħxuna. Faħħarhom f’kull ħaġa tajba li jagħmlu, u urihom imħabba dejjem.


aboutbabies@gmail.com