L-Allerġija għall-Ikel

07/10/2010 16:55

L-allerġija għall-ikel hi reażżjoni qawwija u immedjata għal ċertu ikel. L-allerġija għall-ikel mhix tant komuni. Madwar 6% ta’ tfal taħt l-erba’ snin ibgħatu minn din il-kundizzjoni, u b’xorti tajba, ħafna minnhom joħorġu minnha meta jikbru. Infatti madwar 2% biss ta’ tfal akbar u adulti jibqgħu isofru minnha.

Kull tip ta’ ikel jista’ jikkawża allerġija, imma fit-tfal, l-aktar komuni huma l-ħalib, il-bajd u l-karawett. Fl-adulti, l-aktar ikel komuni huma l-karawett, lewż, ħut u frott tal-baħar.

Ma nafux eżatt minfejn tiġi din il-kundizzjoni, imma nafu li hi aktar komuni jekk l-individwu jew xi ħadd fil-familja tiegħu jbati minn xi tip ta’ allerġija, bħal ażma, hayfever jew ekżema.

Is-sintomi jistgħu ikun tnemnim, nefħa u ħakk fix-xoftejn u l-ilsien, għajnejn idemmgħu, raxx fil-ġilda u dardir. L-anaphylaxis hi allerġija qawwija ħafna u tinvolvi nefħa fil-passaġġ ta’ l-arja, qtugħ ta’ nifs, raxx qawwi, għejja, stordament, paniku, polz jgħaġġel, pressjoni baxxa, u saħansitra tista’ tintilef minn sensik. Din il-forma ta’ allerġija hi perikoluza, u tista’ tkun fatali u għalhekk huwa imporanti li xi ħadd iċempel għall-ambulanza immedjatament.

Allerġija jew intolleranza?

Hu importanti li nagħmlu distinzzjoni bejn ‘allerġija’ u ‘intoleranza’ għall-ikel. L-alleġija tinvolvi l-immune system u antibodies; l-intoleranza hi ħafna aktar komuni, u tiġi b’mezzi oħra.

 1.      Irritazzjoni

Il-larinġ u t-tadam fihom aċidu naturali li jista’ jtella’ raxx madwar il-ħalq fit-trabi. Il-meraq tal-frott jista’ jikkawża dijareja, speċjalment jekk ikollu ż-żokkor miżjud.

2.      Avvelinament ta’ l-ikel

Jiġri minħabba kontaminazzjoni bil-mikrobi jwassal għal remettar u dijareja. L-iġene fit-tisjir u mod tajjeb kif jinħażen l-ikel jnaqqsu r-riskju ta’ food poisoning.

3.      Intolleranza għall-lactose

Il-lactose huwa ż-żokkor naturali fil-ħalib. Xi whud għandhom nuqqas ta’ l-enzyme ‘lactase’ li tiddiġerixxi dan it-tip ta’ żokkor. Is-sintomi jistgħu ikunu uġigħ u nefħa fiż-żakk, u dijareja. Jista’ jkun hemm intolleranza għall-lactose għal ftit żmien wara gastroenterite.

4.      Food additives

Xi persuni huma sensittivi għal sustanzi miżjuda ma’ l-ikel (bħal MSG fl-ikel Ċiniż, u sulfites fl-inbid) u sustanżi helwin li jintużaw minflok iż-żokkor fix-xarbiet minerali.

5.      Coeliac Disease

Din hi kundizzjoni kronika fil-musrana u twassal għall-intoleranza għall-qamħ u xi ċereali oħra.

Kif tista’ tinduna b’allerġija għall-ikel?

Jekk taħseb li t-tifel tiegħek għandu allerġija għall-ikel, kellem lit-tabib. It-tabib ikun irid jaf x’inhuma s-sintomi, x’inhu l-ikel li taħseb li qed iġib allerġija, jekk l-istess ikel jagħmilx dejjem l-istess reazzjoni, u kemm idumu ma’ jitfaċċaw is-sintomi wara li t-tifel ikun kiel. It-tabib jistaqsik ukoll jekk it-tifel għandhux allerġiji oħra (bħal ekżema, hayfever u ażma) u jekk xi ħadd ieħor fil-familja għandux xi kundizzjoni allerġika.

It-tabib jista’ jgħidlek biex iżżomm djarju li fih tniżżel l-ikel u x’ikunu s-sintomi. Jista’ wkoll jagħtik parir biex tevita ċertu ikel mid-dieta biex jara jekk is-sintomi jmorrux għall-aħjar.

Hemm żewġ forom ta’ testijiet x’isiru: it-test tal-ġilda u t-test tad-demm. It-test tad-demm (RAST) jiċċekkja għall-antibodies kontra tipi differenti ta’ ikel. Dawn it-testijiet huma ta’ għajnuna, imma ma tistax toqgħod fuqhom biss. Testijiet oħra li huma reklamati m’għandhom ebda valur mediku, anzi aktar jiżgwidawk, u għalhekk m’għandhomx isiru.

Kif titratta allerġija għall-ikel?

Wieħed għandu jħalli barra mid-dieta dak l-ikel li qed jikkawża l-allerġija. Aqra l-lista’ ta’ inġredjenti u twissijiet fuq it-tiketta dwar kontaminazzjoni (eż. ‘May contain traces of nuts’). Hemm ħalib speċjali għat-trabi li huma allerġiċi għall-ħalib tal-baqra jew soya. Huwa importanti li id-dieta tibqa’ bilanċjata u tinkludi n-nutrijenti kollha.

M’hemmx mediċina li tfejjaq l-allerġija, imma hemm mediċina (anti-histamines) biex ittaffi s-sintomi. F’każ ta’ anaphylaxis, l-adrenalina għandha tingħata immedjatament b’injezzjoni fil-muskolu u tissejjaħ l-ambulanza (telefon 112). Dawn it-tfal għandhom iġorru magħhom siringa speċjali ta’ l-adrenalina, u jkollhom ġiżirana jew brazzuletta li tgħid li huma allerġici. L-għalliema tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom ikunu informati bil-kudizzjoni.

Written by: Dr Joseph Mizzi MD MRCP MRCPH (Paediatrician)

josephmizzi@onvol.net - 79551446


aboutbabies@gmail.com