It-Tilqima ta’ l-Influwenza fit-Tfal‏

10/11/2009 10:19

Ħafna ġenituri jistaqsuni jekk għandhomx ilaqqmu lit-tfal tagħhom għall-influwenza. Din l-informazzjoni hi maħsuba biex tgħinkom tieħdu deċiżjoni għal uliedkom.

·         L-influwenza hi marda aktar serja minn riħ komuni. Ir-riħ jibda bil-mod, bi ftit uġigħ fil-griżmejn, flissjoni u bl-imnifsejn fgati; filwaqt li l-influwenza tibda f’daqqa, b’deni għoli, tkexkix ta’ bard, uġigħ fl-għadam, sogħla, uġigħ fil-griżmejn u għejja kbira tant li l-pazjent ikollu jistrieħ fis-sodda.

·         Tfal li għandhom kundizzjonijiet mediċi (bħall-ażma u dijabete) u tfal taħt il-ħames snin għandhom riskju ogħla li jiżviluppaw komplikazzjonijiet, bħal infezzjoni fil-pulmun, jew li jkollhom bżonn jiddaħlu l-isptar għall-kura.

·         Trabi taħt is-sitt xhur huma wholl f’riskju għoli ta’ komplikazzjonijet jew li jkollhom bżonn jiddaħlu l-isptar iżda t-tilqima ma tistax tingħata f’din l-età. F’dan il-każ nirrakkomanda li l-ġenituri u l-bqija tal-familja jieħdu t-tilqima biex jipproteġu lit-tarbija.

·         L-AAP (American Academy of Pediatrics) u s-CDC (Center for Disease Control) jirrakkomandaw it-tilqima tal-influwenza għat-tfal kollha minn 6 xhur sa 18-il sena.

It-tilqima tipproteġi biss kontra l-influwenza għal dik is-sena u ma tagħti ebda protezzjoni kontra l-irjiħat u l-infezzjonijiet oħra. It-tilqima ma fihiex il-mikrobu ħaj u għalhekk ma tistax tikkaġuna l-influwenza.

It-tilqima ta’ l-influwenza staġġjonali ma toffrix protezzjoni kontra li l-H1N1 (swine flu); wieħed jittama li t-tilqima għall-H1N1 tkun Malta għall-bidu tas-sena d-dieħla.

Side effects. X’uħud iħossu uġigħ fejn tingħata t-titqiba; oħrajn jitlagħlhom d-deni u jħossuhom ma jifilħux, speċjalment dawk li qatt ma kienu mlaqqmin qabel. Is-sintomi jibdew minn 6 sa 12-il siegħa wara it-titqiba u jduma ġurnata jew tnejn. Tista’ tagħti l-paracetamol jew nurofen biex ittaffi l-uġigħ u d-deni.

It-tilqima għandha tingħata f’Ottubru u Novembru, qabel tibda x-xitwa. It-tilqima ma tistax tingħata sakemm it-tfal ikun morda bid-deni jew f’każ ta’ allerġija għall-bajd.

Tfal minn 6 xhur sa 8 snin li se jitlaqqmu l-ewwel darba għall-influwenza għandhom jingħataw żewġ titqibiet (b’intervall ta’ 4 ġimgħat jew aktar). Tfal li kienu ħadu t-tilqima fis-snin ta’ qabel, jew li għandhom aktar minn disa’ snin, għandhom jingħataw titqiba waħda. Tfal taħt it-tlett snin jingħataw nofs l-injezzjoni (0.25 mls).

Etá

Doża

6 xhur – <3 snin

0.25 mls f’darbtejn jekk it-tilqima qed tingħata l-ewwel darba

0.25 mls f’darba jekk it-tilqima kienet ingħatat fis-snin ta’ qabel

3 snin – 8 snin

0.5 mls f’darbtejn jekk it-tilqima qed tingħata l-ewwel darba

0.5 mls f’darba jekk it-tilqima kienet ingħatat fis-snin ta’ qabel

≥ 9 snin u adulti

0.5 mls f’darba

 

Tfal li għandhom xi kundizzjonijiet kroniċi (bħall-ażma, mard tal-qalb, mard kroniku tal-fwied u l-kliewi, id-dijabete, jew immunodeficiency) huma intitolati li jirċievu t-tilqima b’xejn miċ-Ċentru tas-Saħħa, u għandhom juru l-kartuna s-safra jew ċertifikat tat-tabib.

Meta nqis kollox, jien tal-parir li t-tfal aħjar jingħataw it-tilqima tal-influwenza, speċjalment tfal taħt il-ħames snin u tfal li għandhom kundizzjonijiet kroniċi. Barra minn hekk huwa importanti li l-ġenituri u l-ulied jieħu t-tilqima jekk fil-familja hemm tarbija ta’ anqas minn sitt xhur.


aboutbabies@gmail.com