L-Irjieħat fit-Tfal‏

10/11/2009 10:22

Issa li beda jaqleb it-temp u t-tfal daħħlu l-iskola, bdejna naraw aktar tfal morda bl-irjieħat u infezzjonijiet oħra. Ħafna minn dawn l-infezzjonijiet huma ħfief u l-ġenituri m’għandhomx għalfejn jinkwetaw jew joqgħodu jieħdu t-tfal għand it-tabib. Il-ġenituri għandhom jitgħallmu  mill-esperjenza kif jikkuraw dawn l-infezzjonijiet ħfief.

Sakemm it-tifel għadu fuq tiegħu, jilgħab u jixrob, m’hemmx għalfejn mediċini speċjali, għajr xi ftit Calpol jew Nurofen biex itaffi xi wġigħ jew deni.

Huwa normali li tfal żgħar jimirdu ta’ spiss, speċjalment meta jkun għadhom jibdew l-iskola. Huwa normali wkoll li t-tfal morda jitilfu l-aptit u jieklu anqas, u li t-trabi jixorbu volum iżgħar mis-soltu u aktar ta’ spiss.

L-Antibijotiċi

Irridu nżommu f’moħħna żewġ fatti: (1) l-irjieħat huma kkaġunati minn viruses, u (2) l-antibijotiċi jaħdmu fuq il-bacteria u mhux fuq il-virusus. Għalhekk m’hemmx bżonn mediċini bħal Augmentin jew Ceclor meta t-tfal ikollhom riħ komuni. L-antibijotiċi ma jgħinuhomx ifiequ aktar malajr u jistgħu jagħmluhom side effects. Minbarra il-ħela ta’ flus, meta jintużaw għal xejn b’xejn, is-saħħa tal-antibijotiċi tonqos għal meta jkollna tassew bżonnhom.

Il-Misturi tas-Solgħa

Il-misturi tas-sogħla fit-tfal żgħar għandhom jintużaw mill-anqas: ftit li xejn jgħinu, u lkoll fihom xi side-effects (bħal ħedla u konfużjoni). Tfal taħt is-sentejn m’għandhomx jingħataw misturi tas-sogħla jekk mhux bil-parir u l-preskrizzjoni tat-tabib. Il-ġenituri għandhom joqgħodu attenti ħafna li jagħtu d-doża korretta u ma jħallux dawn il-mediċini fejn isibuhom it-tfal. Il-mediċina tas-sogħla għandha titwaqqaf wara jumejn jew tlieta, meta t-tfal jaqilbu  għall-aħjar, avolja jkun fadal xi ftit sintomi.

L-għatis u s-sogħla jgħaddu weħidhom. Is-sogħla hi l-mod naturali biex il-ġisem ineħħi l-katarru. Għalhekk il-misturi li jwaqqfu s-sogħla aħjar ma jintużawx.

Jekk it-tarbija tkun fgata tista’ tgħolli is-saqqu n-naħa tar-ras jew tuża mħadda għolja fi tfal akbar. Tista’ wkoll tuża ftit Ocean Spray fit-trabi jew qatra Otrivin jew Utabon fi tfal akbar, speċjalment qabel l-irqad. Dawn il-mediċini għandhom jintużaw għal ftit ġranet biss.

Għajnuna Medika

F’dawn iċ-ċirkostanzi ikun importanti li tkellem tabib jew tmur l-emerġenza.

1.      ‘Sogħla ta’ kelb’ hi sintomu ta’ croup, infezzjoni fil-pajp tan-nifs. It-tifel iqum f’nofs ta’ lejl maħnuq u jisgħol bħalma jinbaħ kelb. Mur l-isptar mill-ewwel speċjalment jekk it-tifel ikun qed ibati biex jieħu n-nifs jew jagħmel ħoss bħal tisfira man-nifs.

2.      Nifs mgħaġġel jew batut tant li t-tifel ma jistax jixrob jew jitkellem sewwa. Dawn it-tfal jista’ jkollhom tisfir f’sidirhom u jkollhom bżonn in-nebulizer tal-ventolin.

3.      Deni għoli (102°F jew 39°C taħt id-driegħ; aqra it-temperatura kif tkun mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn), jew deni li jdum aktar minn jumejn.

4.      Uġigħ fil-griżmejn jew fil-widnejn.

5.      Trabi bid-deni jew li m’humiex jixorbu biżżejjed jew il-ħin kollu jibku jew mitluqin.


aboutbabies@gmail.com