It-Tilqima tal-H1N1
Dr. Joe Mizzi gabar xi informazzjoni fuq it-tilqima tal-Influwenza H1N1.
X’jisimha t-tilqima li bdiet tingħata f’Malta?
It-tilqima jisimha Pandemrix u hi magħmula mill-GlaxoSmithKline (GSK). Il-Pandemrix hi approvata mill-European Medicines Agency (EMEA) biex tintuża fl-Ewropa għall-privenzzjoni tal-influwenza pandemika.
It-tilqima hi effettiva?
It-tilqima toffri l-aħjar protezzjoni kontra l-influwenza H1NI.
It-tilqima hi safe?
It-tilqima tal-H1N1 hi magħmula bl-istess proċess tat-tilqima tal-influwenza staġjonali. S’issa ingħataw miljuni ta’ dożi f’diversi pajjiżi, u ma kienx hemm problemi serji għajr is-side effects li wieħed jistenna mit-tilqima tal-influwenza.
X’inhuma s-side effects?
Rarament it-tilqima tista’ tagħti allerġija qawwija. Mill-bqija, is-side effects jistgħu ikunu uġigħ ta’ ras, uġigħ fl-għadam u l-muskoli, telqa, u uġigħ, ħakk u nefħa fejn tingħata t-tilqima, u deni. Jekk ikun hemm bżonn jista’ jintuża l-paracetamol biex ittaffi s-sintomi. Is-sintomi jgħaddu f’ġurnata jew tnejn.
It-tilqima fija it-Thimerosal?
Iva, it-tilqima fija it-Thimerosal biex ma tkunx ikkontaminata minn xi mikrobi. It-Thimerosal fih ammont żgħir ta’ merkurju li ma’ jagħmel ebda ħsara (hemm aktar merkurju f’biċċa salamun milli hemm fit-tilqima).
It-tilqima fija ‘ adjuvant’?
Iva, it-tilqima fija adjuvant biex tkun aktar effettiva. L-istess adjuvant ilu jintuża mingħajr problemi f’diversi tilqim ieħor għal dawn l-aħħar 60 sena.
It-tilqima tista’ tikkawza l-influwenza?
Le, għax it-tilqima fiha estratt tal-virus, mhux il-virus ħaj.
Min jista’ jieħu t-tilqima?
It-tilqima se tingħata b’xejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa lil kull min jixtieq jipproteġi lilu nnifsu u lill-uliedu mill-influwenza H1N1. Għall-ewwel se tingħata lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, nisa tqal, u nies b’kundizzjonijiet kroniċu (bħall-ażma, dijabete u mard ieħor). Aktar tard se tkun offruta lil kulħadd.
It-tilqima kif tingħata?
Tfal minn 6 xhur sa 9 snin jieħdu t-tilqima f’darbtejn. Tfal minn għaxar snin u adulti jieħdu tilqima waħda. Tfal taħt is-sitt xhur ma jistgħux jieħdu t-tilqima.
It-tilqima għandha tkun posposta jekk il-pazjent ikun marid bid-deni. It-tilqima ma tistax tingħata f’dawk il-persuni li għandhom allerġija qawwija għall-bajd jew li kellhom allerġija serja għal tilqim ieħor.
X’għandi nieħu miegħi?
Ħu il-kartuna s-safra jew ċertifikat mediku tal-kundizzjoni kronika (ażma, dijabete, eċċ), il-ktieb tat-tilqim u ċ-ċertifikat tat-twelid (għan-numru tal-ID card). It-tfal iridu jkunu akkumpjanati mill-omm jew il-missier.
Fejn nista’ nsib aktar tagħrif?
CDC (Center for Disease Control, USA) https://www.cdc.gov/H1N1FLU/
NHS (UK) https://www.nhs.uk/Conditions/Pandemic-flu/Pages/Introduction.aspx
Dr Joseph MIzzi MD MRCP MRCPCH
Paediatrician
Mob 79551446