Il-Gastroenterite fit-Tfal

14/02/2010 16:31

Il-Gastroenterite fit-Tfal

X’inhi l-gastroenterite?

Il-gastroenterite hi infezzjoni komuni fl-istonku u l-imsaren. Lit-tfal żgħar tista’ taqbadhom aktar minn darba fis-sena. Il-marda taf tkun ħafifa (ftit uġigħ ta’ żaqq u dijarrea jew remettar għal ġurnata jew tnejn) jew aktar serja (b’deni għoli, uġigħ ta’ żaqq qawwi, remettar u ħafna dijarrea għal diversi jiem).

X’jikkaġuna l-gastroenterite?

Il-gastroenterite hi kkawżata minn diversi mikrobi differenti – bħal viruses (rotavirus, adenovirus) u batterji(salmonella, E coli). L-aktar mikrobu komuni fit-tfal żgħar huwa r-rotavirus. Il-mikrobi jinxterdu bl-idejn u fl-ikel.

X’inhuma s-sintomi?

Is-sintomi jinkludu nuqqas ta’aptit, dardir, remettar, u dijarrea. Jista’ jkun hemm ukoll uġigħ ta’żaqq u deni. Ir-remettar is-soltu jieqaf wara ġurnata jew tnejn; id-dijarrea tista’ ddum ftit ġranet u anke sa ġimgħatejn. Jista’jkun hemm ukoll sintomi ta’ riħ bħall-flissjoni u sogħla.

Kif issir id-dijanjosi?

Meta l-marda tkun ħafifa, il-ġenituri stess kapaċi jagħrfu u jitrattaw il-problema d-dar. Jekk is-sintomi jkunu aktar serji,fittex l-għajnuna medika. It-tabib jistaqsi diversi mistoqsijiet u jeżamina lit-tifel biex jara jekk hemmx sinjali ta’ dehydration, u jekk hemmx xi sinjali ta’ mard ieħor. Mhux is-soltu jkun hemm bżonn testijiet speċjali. Jekk ikun hemm id-demm mal-koko, jintbagħat kampjun il-laboratorju biex ikun jista’ jiġi identifikat il-mikrobu. Jekk ikun ser isir id-drip, isiru testijiet biex naraw il-livell tal-melħ fid-demm.

Meta għandi nfittex l-għajnuna medika?

Jekk is-sintomi huma ħfief, tista’ titratta lit-tifel id-dar billi tagħtih jixrob u jiekol. Imma f’dawn iċ-ċirkostanzi li ġejjin, ikun importanti li tkellem tabib jew tieħdu l-emerġenza.

1.                   Jekk it-tifel qed jixxotta mill-ilma (dehydration) (ara hawn taħt).

2.                   It-tifel għandu anqas minn sitt xhur.

3.                   Jekk it-tifel għandu kundizzjoni medika (bħal dijabete, mard tal-qalb jew tal-kliewi).

4.                   Deni għoli (>38.5 jew 101F).

5.                   Jekk it-tifel huwa mħeddel u mitluq ħafna jew mħawwad.

6.                   Jekk jirremetti kemm-il darba u ma jżomm xejn.

7.                   Jekk ikun hemm id-demm mar-rimettar jew koko.

8.                   Jekk ir-rimettar ikun aħdar.

9.                   Jekk l-uġigħ ta’ żaqq huwa qawwi ħafna.

10.               Jekk taħseb li l-kundizzjoni tat-tifel qed tmur għall-agħar.

Il-parti l-kbira tat-tfal bil-gastroenterite huma trattati d-dar. Imma f’każ ta’ dehydration u problemi oħra, xi tfal ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-kura.

X’inhuma s-sinjali ta’ dehydration?

It-tfal bil-gastroenteritis jistgħu jixxottaw mill-ilma peress li jkunu qed jitilfu l-ilma fir-rimettar u d-dijarrea u ma jkunux qed jixorbu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għalih. Is-sintomi ta’ dehydration huma:

1.                   Nuqqas ta’ pipi (in-nappy tkun xotta u t-tfal ma jgħaddux pipi fuq perijodu ta’ 8 sigħat).

2.                   Il-ħalq u l-ilsien jixxottaw, ma jkunx hemm dmugħ u l-ġilda tidher xotta.

3.                   Telqa u ħedla kbira.

4.                   L-idejn kesħin u n-nifs mgħaġġel huma sinjali ta’ dehydration aktar serja.

Tfal taħt sena u tfal li kienu twiedu qabel iż-żmien huma f’riskju akbar ta’ dehydration. Barra minn hekk, ikun f’riskju jekk it-tifel ma jixrobx (ħalib, breastfeeding jew likwidi oħra), u jirremetti kemm-il darba (aktar minn 3 darbiet f’24 siegħa) jew jgħaddi ħafna dijarrea (aktar minn 6 darbiet f’24 siegħa). Fittex l-għajnuna medika.

X’inhu t-trattament tal-gastroenterite?

L-aktar ħaġa importanti li tagħti lit-tifel jixrob biex jagħmel tajjeb għall-likwidu li jkun qed jitlef mill-ġisem. It-trabi għandhom jibqgħu jingħataw il-ħalib tal-omm jew il-ħalib tal-formula. Barra minn hekk, it-tabib jista’ jagħtik ukoll ‘oral re-hydration solution’ (li fihom melħ u zokkor fi proporzjon ideali). Il-qrates, bħad-Dioralyte, jitħalltu ma’ 200 mls ilma. Tista’ wkoll tagħti Getorade mħallat nofs b’nofs bl-ilma. Tagħtix luminati jew meraq tal-frott (għax iżidu d-dijarrea). Jekk it-tifel ikun għadu kemm irremetta, stenna daqs kwarta qabel terġa’ tagħtih jixrob. Ikun aħjar li tagħti ammonti żgħar u ta’spiss biex ma jerġax itella’.

Jekk it-tifel m’għandux aptit jiekol, tisforzahx. Huwa aktar importanti li jixrob. Imma meta juri li għandu l-ġuh, tista’ tagħtih jiekol xi ħaġa ħafifa. Mhux sew li żżommu sajjem sakemm jgħaddu s-sintomi kollha. L-aħjar ikel huwa r-ross mgħolli, tiġieġ, karrotti u patata mgħollija, tuffieħ, banana, galletti tal-melħ, cereal xott, toast bi ftit jam, u jogurt. Tista’ wkoll tagħti l-ikel tas-soltu li hu mdorri jiekol. Huwa normali li meta jibdew jieklu, ikomplu jgħaddu aktar dijarrea.

Jekk it-tifel juri sinjali li qed jixxotta (għax ma jżomm xejn, jew għax ikollu ħafna rimettar u dijarrea) fittex l-għajnuna medika, għax jista’ jkun hemm bżonn li jiddaħħal l-isptar għad-drip.

Hemm bżonn ta’ mediċini?

Il-ġisem iffejjaq lilu nnifsu mingħajr mediċinali, basta nipprovdu biżżejjed ilma. M’hemmx użu għall-mediċini (bħall-Imodium) li jwaqqfu d-dijarrea. M’hemmx użu għal antibiotiċi. Kultant nużaw mediċini biex inaqqsu l-iremmettar (bħal Motilium), imma oqgħod attenta li tagħti d-doża korretta. Kultant nużaw ukoll il-prebiotics (bħal Clinflor jew Bioflor) li jgħinu lill-musrana tiġi lura għan-normal. Ikontrolla d-deni bil-paracetamol jew ibuprofen (Nurofen).

X’inhuma l-komplikazzjonijiet?

Wara episodju ta’ gastroenterite, xi tfal jiżviluppaw intolleranza temporanja għall-lactose (iz-zokkor tal-ħalib) u tista’ ddum diversi ġimgħat. Is-sintomi huma nefħa u uġigħ fiż-żaqq, u dijarrea, wara li jixorbu l-ħalib. Oħrajn jistgħu jiżviluppaw nefħa u uġigħ fil-ġogi (reactive arthritis) li jdumu ftit ġranet biss. Komplikazzjonijiet oħra huma rari.

Kif tista’ tilqa’ kontra l-gastroenterite?

L-aktar ħaġa imporatnti huwa l-ħasil tal-idejn bl-ilma u s-sapun kull meta t-tifel jirremetti jew jagħmel koko. Żomm il-kamra tal-banju nadifa (uża diżinfettant). Min hu marid għandu juża xugaman għalih biss. Importanti wkoll il-ħasil tal-idejn waqt il-preparazzjoni tal-ikel u qabel l-ikel. It-tfal jistgħu jmorru lura l-iskola jumejn wara li jkun għaddielhom.

Hemm tilqima kontra r-rotavirus (Rotarix jew Rotateq) li tingħata bħala qtar fil-ħalq fit-trabi minn 6 ġimgħat sa sitt xhur. Il-ħalib tal-omm jgħin biex inaqqas l-infezzjonijiet fil-musrana.

 

Dr Joseph MIzzi MD MRCP MRCPCH

Paediatrician

Mob 79551446

mailto:josephmizzi@onvol.net


aboutbabies@gmail.com