Il-Croup fit-Tfal‏

10/11/2009 10:23

X’Inhi l-Croup?

Il-croup hi infezzjoni fil-pajp tan-nifs u tingħaraf mis-sogħla partikolari.  Is-solgħa tixbaħ in-nebħa ta’ kelb, u bil-Malti ngħidulha ‘sogħla tal-klieb’. Il-croup taqbad l-aktar lit-tfal taħt il-ħames snin.

Il-biċċa l-kbira tat-tfal bil-croup jistgħu jiġu kkurati d-dar, imma meta s-sintomi jkunu serji, u speċjalment fit-trabi u tfal żgħar, ikun hemm bżonn kura l-isptar.

Il-croup tibda b’sintomi ta’ flissjoni u riħ, imma tista’ tibda f’daqqa ukoll. Is-sintomi tal-croup huma sogħla ħarxa, ħanqa u ħsejjes man-nifs. Dan jiġri minħabba nefħa u infjammazzjoni pajp tan-nifs, speċjalment fil-kaxxa tal-leħen, il-larinġi, li jwassal għall-djuq fil-passaġġ tal-arja. Id-djuq fil-pajp tan-nifs iwassal għall-ħoss bħal żaqżieq, stridor, waqt li tkun qed tieħu n-nifs il-ġewwa. Il-passaġġ jista’ jidjieq tant li jkun impossibli li tieħu n-nifs – dan hu l-akbar periklu tal-croup.

Is-sogħla tal-croup ħafna drabi tidba bil-lejl, l-aktar fil-ħarifa u fix-xitwa. It-tifel iqum bis-sogħla ħarxa, u jista’ jkun maħnuq u jkollu ftit deni. F’każijiet aktar serji, it-tifel jagħmel il-ħoss ta’ l-istridor, meta jieħu n-nifs il-ġewwa, u anke il-kaxxa tas-sider tidħol il-ġewwa man-nifs. Is-sogħla tal-klieb tgħidlek li t-tifel għandu l-croup; l-istridor jgħidlek li t-tifel għandu djuq fil-pajp tan-nifs u li għandu bżonn jittieħed l-emerġenza.

Il-Kura fid-Dar

Imma qabel ejja ngħidu x’għandhom jagħmlu l-ġenituri jekk il-croup tkun ħafifa – sogħla ħarxa, u ħanqha, bi ftit deni, u t-tifel ikun jidher mhux ħażin.

  1. Hu importanti li l-ġenituri jikkalmaw lit-tifel joqgħodu miegħu. Poġġi t-tifel bil-qiegħda f’ħorġrok u tħalliħx mindud fis-sodda.
  2. L-arja umda tgħin. Jekk għandek humidifier jew vaporizer, użaħ.
  3. Tista’ wkoll tieħu lit-tifel fil-kamra tal-banju, tagħlaq il-bieb, u tiftaħ il-misħun fil-banju biex il-kamra timtela’ bil-fwar, u oqgħod miegħu għax madwar għaxar minuti. Tista’ tirrepeti l-istess ħaġa jekk it-tifel jerġa jibda jisgħol aħrax.
  4. Minflok tista toħroġ it-tifel barra mid-dar. L-arja friska ta’ bil-lejl ukoll tgħin biex it-tifel jieħu n-nifs aħjar.
  5. Il-paracetamol jew ibuprofen jgħinu biex iniżżlu d-deni u jtaffu l-uġigħ fil-griżmejn. Offrilu wkoll li jixrob.
  6. Tagħtix mediċini tas-solgħa jew mediċini oħra mingħajr il-parir tat-tabib.

L-infezzjoni ddum qisu ħamest ijiem sa ġimgħa, imma l-agħar ikunu l-ewwel u t-tieni lejl. Wara ġurnata jew tnejn is-solgħa tibda ‘issir’ u ma tibqax aktar ħarxa u l-ħanqa tmur.

Il-croup hi kkaġunata minn virus, u għalhekk l-antibiotiċi ma jgħinux. Il-croup tista’ tittieħed minn tfal oħra. Għalhekk hu importanti l-ħasil ta’ l-idejn u li ma jkunx hemm kuntatt fil-qrib ma’ tfal oħra.

Meta Għandek Tmur l-Isptar?

Ħu t-tifel l-emerġenza jew ċempel l-ambulanza fuq 112 jekk it-tifel:

  1. jagħmel ħoss bħal tisfira waqt li qed jieħu nifs il-ġewwa
  2. jiġġieled għan-nifs jew jieħu n-nifs mgħaġġel ħafna jew
  3. jidher beżgħan u mwerwer
  4. iniżżel r-rieq
  5. ma jistax jitkellem
  6. bla saħħa jew jintilef minn sensiegħ

F’dawn il-każijiet, it-tifel ma jkunx jieħu nifs biżżejjed, u jkollu bżonn għajnuna medika urġenti. Toqgħodx id-dar tistenna sal-għada. L-isptar, nagħtuhom mediċina, steroids jew adrenalina, bin-nebuliser, u jekk ikun hemm bżonn jinżammu għall-osservazzjoni. Rari ħafna, jekk id-djuq ikun tant gravi, ikun hemm bżonn il-magna tan-nifs. Intervent bħal dan isalva l-ħajja.

Fil-passat l-mikrobu Haemophilus influenzae type B (Hib) kien jikkaġuna ‘epiglottitis’ u ġieli mietu tfal fgati b’din il-kundizzjoni. Illum it-tfal Maltin huma mlaqqmin kontra dan il-mikrobu.

Hemm kundizzjonijiet oħra li jistgħu iwasslu għal diffikultà fin-nifs, bħall-ażma, bronchiolitis u wheezy bronchitis. Wieħed ma jippretendix li l-ġenituri jagħrfu dawn il-kundizzjonijiet, imma hu x’inhu, jekk it-tifel ikun qed ibgħati biex jieħu n-nifs, jew qed jieħu n-nifs mgħaġġel, tant li bil-kemm ikun jista’ jitkellem jew jixrob, il-parir tiegħu hu: fittxu l-għajuna medika mill-ewwel, u jekk ikun hemm bżonn ħuduħ l-emerġenza. Fejn jidħol il-nifs, ma nistgħux nieħdu riskji.


aboutbabies@gmail.com